Meta mqabbel mal-kitba ta’ ilsna oħra, nistgħu ngħidu li l-mod ta’ kif għandu jinkiteb il-Malti jista’ jitqies bħala avveniment pjuttost reċenti. Kellna nistennew sal-1921 biex ikollna alfabett iffinalizzat u sal-1924 biex ikollna grammatika li suppost ikunu aċċettati minn kulħadd. Qabel din id-data kien hemm bosta tentattivi oħra biex jitfasslu alfabett u grammatika ta’ lsienna, xi wħud minn dawn it-tentattivi kienu serji u oħrajn, anqas serji, xi wħud qabdu l-art u oħrajn ma sabux xorti. Uħud mill-ewwel tentattivi li nsibu huma dawk tal-Kanonku Ġanfranġisk Agius De Soldanis bil-grammatika (1750) u d-dizzjunarju tiegħu f’erba’ volumi, ix-xogħol tal-Kavallier Thezan u l-grammatiki u d-dizzjunarju ta’ Mikiel Anton Vassalli. Nistgħu ngħidu li Vassalli għaraf tassew it-tiswir tal-ilsien Malti. Fl-ewwel perjodu tiegħu, meta kiteb Il-Grammatica Melitensis jew Mylsen Phoenico-Punicum (1791) kif ukoll fil-Lexicon (Dizzjunarju Malti – Latin – Taljan), kien għadu jemmen li l-Malti kien imnissel mil-Lhudi u l-Feniċju iżda aktar tard, ta’ studjuż li kien, intebaħ li l-Malti kien aktar jixbah lill-Għarbi.
Nistgħu ngħidu li Vassalli kien l-ewwel wieħed li assoċja ittra waħda ma’ ħoss distintiv wieħed fit-tfassil tal-alfabett tiegħu. Madankollu, b’xorti ħażina, xi simboli li uża ma ntlaqgħux tajjeb minħabba li kienu pjuttost strambi għax kienu meħudin fost l-oħrajn, mill-alfabett Feniċju u Grieg. Huwa bidel xi wħud minn dawn l-ittri fil-Grammatica della Lingua Maltese (1827). Wara l-grammatika ta’ Vassalli nkitbu bosta grammatiki oħrajn, fosthom dik ta’ Francis Vella (1831). Ir-regoli tal-ortografija f’din il-grammatika nistgħu ngħidu li kienu bbażati fuq ir-regoli tal-kitba bit-Taljan. Fl-1839 ħareġ il-ktieb English and Maltese Reading Book for the use of Government Primary Schools. L-ortografija użata f’dan il-ktieb kienet taħlita ta’ ittri Rumani u Għarab.
Fl-1843 is-Società Filologica Maltese magħrufa wkoll bħala l-Accademia Filologica fasslet alfabett ieħor. Dan l-alfabett kellu 33 ittra u l-għan ewlieni tiegħu kien li jħaffef il-proċess tat-tagħlim tal-kitba Taljana bil-Malti. Dan l-alfabett kien ukoll iddaħħal fl-iskejjel fl-1850 mill-Kanonku Paolo Pullicino iżda ta’ min jgħid li dan l-alfabett ma kellux sisien lingwistiċi u xjentifiċi sodi. Ġara li aktar ma bdew jinħolqu alfabetti ġodda, aktar bdiet tikber il-konfużjoni ta’ kif għandu jinkiteb il-Malti u saħansitra kien hemm żmien li t-tagħlim tal-kitba Maltija fl-iskejjel tal-gvern kellu jieqaf proprju minħabba nuqqas ta’ alfabett tajjeb. Fl-1845 insibu l-grammatika tal-Kanonku Fortunato Panzavecchia: Grammatica della Lingua Maltese u fl-1882 ix-Xirka Xemija ħarġet l-alfabett fonetiku tagħha li kien fih 29 ittra. Ir-regoli tal-ortografija tax-Xirka Xemija nistgħu ngħidu li kienu tajbin u maħsubin bir-reqqa u mibnijin fuq prinċipji sodi u li servew ta’ bażi għax-xogħol li ħarġet l-Għaqda aktar tard. Insibu bosta tentattivi oħra, bħal ngħidu aħna dawk ta’ Ġanni Vassallo fl-1901. L-alfabett ta’ Vassallo kien simili għal dak tal-Accademia u għall-alfabett fonetiku mfassal minn A.E Caruana fl-190l.
____________________________________________________________________________________
1924: Tagħrif fuq il-Kitba Maltija
Fl-14 ta’ Novembru 1920 saret l-ewwel laqgħa tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti li llum tissejjaħ l-Akkademja tal-Malti u nħatret Kummissjoni biex tfassal alfabett li fuqu kellhom jinbnew ir-regoli tal-kitba bil-Malti. Sena wara, dan l-afabett kien finalizzat u l-Kummissjoni, l-aktar permezz tal-ħidma ta’ Ninu Cremona, baqgħet taħdem fuq ir-regoli tal-ortografija li tlestew fl-1924 u ġew stampati mill-Gvern Malti fi ktieb li jġib l-isem Tagħrif fuq il-Kitba Maltija.
L-ewwel taqsima ta’ dan ix-xogħol tagħti r-regoli dwar kif wieħed għandu jikteb bil-Malti, imqassmin f’għaxart irjus. It-tieni taqsima tfisser aħjar l-għamla u t-tiswir ta’ kull kelma li għandha tinkiteb jew aħjar, il-morfoloġija tal-ilsien Malti u għalhekk tittratta l-għamliet tal-kliem Malti, in-nisel, it-tiswir u l-bini tal-kelma fil-Malti. Din it-taqsima hija maqsuma fi ħmistax-il ras. Permezz ta’ dan ix-xogħol naqas sew it-taħwid li kien hawn fil-qasam tal-kitba bil-Malti li kien qed jagħmel ħsara kbira l-aktar fl-oqsma tat-tagħlim u tal-letteratura. Fl-1934 l-alfabett u l-ortografija tal-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti, saru uffiċjali u kull min jikteb bil-Malti jrid jintrabat li juża dawn ir-regoli.
1984: Żieda mat-Tagħrif
Maż-żmien bdiet tinħass dejjem aktar il-ħtieġa li jsiru regolamenti dwar il-kliem il-ġdid li baqa’ dejjem dieħel fi lsienna. Għalhekk, fl-1984 l-Akkademja tal-Malti ħarġet iż-Żieda mat-Tagħrif. Dawn ir-regoli miżjuda ma’ dawk tat-Tagħrif jiffukaw l-aktar fuq l-ortografija ta’ neoloġiżmi Anglo-Sassoni u Rumanzi li daħlu fil-Malti minn mindu kien ġie ppubblikat it-Tagħrif.
Il-Malti, bħal kull lingwa ħajja oħra, irid jinbidel u jaġġorna ruħu biex ikun jista’ jaqdi aħjar il-ħtiġijiet tal-kelliema tiegħu. Iż-żminijiet jinbidlu u magħhom jinbidlu l-affarijet, l-użanzi u d-drawwiet tal-poplu. Din il-bidla trid tkun riflessa fil-lingwa. Għaldaqstant, il-lingwa ma tistax tiffossilizza ruħha. Għall-kuntrarju ta’ dak li kien maħsub fl-imgħoddi, hija xi ħaġa naturali li l-lingwa, inkluż dik Maltija, tassorbi kliem u elementi lingwistiċi differenti minn ilsna oħra, l-aktar dawk li tkun f’kuntatt kontinwu magħhom. Minħabba f’hekk, mhijiex xi ħaġa ħażina li fil-Malti jidħol kliem minn ilsna oħra. Wara kollox, dan mhuwiex xi fenomenu ġdid, li japplika għall-Malti biss jew li qed japplika fi żmienna biss. Il-ħażin hu li jinqabeż il-limitu, u dan il-limitu l-kelliem nattiv jaf x’inhu. Il-ħażin huwa meta nitilfu l-kreattività li joffrilna lsienna u b’kapriċċ, b’għażż mentali jew għal xi raġuni oħra, naqbdu u niftħu l-bibien għal kull influwenza barranija li saħansitra tkun tistona fi lsienna u meta saħansitra lsienna stess ikun diġà joffrilna alternattiva oħra għal dik l-influwenza missellfa.
Fi żmienna, dan il-fenomenu qed jinħass l-aktar fil-qasam tat-tislif tal-kliem mill-Ingliż. Madankollu, wieħed irid joqgħod attent għax bħal donnu anke l-qasam sintattiku qed jibda jittieħed minn din il-marda li bħal donnha tinxtered malajr. F’dan il-kuntest irridu noqogħdu attenti ħafna biex infasslu regoli bilgħaqal li jilqgħu għal din l-influwenza lingwistika barranija u nerġgħu nevitaw sitwazzjoni bħal dik li nsibu referenza għaliha fid-Daħla tat-Tagħrif (1924, xviii): “…Bosta barranin mgħallmin fl-ilsna ta’ nisel il-Malti, meta qraw il-Malti kif kien jinkiteb s’issa, stqarru (u għajruna) li aħna nċafalsu, u li għall-istess leħnijiet ninqdew daqqa b’ittri u daqqa b’oħrajn, u li m’għandna ebda regola jew triq waħda suret in-nies li nimxu fuqha. Mitt kittieb: mitt ortografija.”
1992: Aġġornament tat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija
Fl-1988 l-Akkademja tal-Malti ħatret kummissjoni biex tkompli taġġorna l-ortografija tal-Malti u b’hekk tlaħħaq mal-ħtiġijiet ġodda li feġġew fi żminijietna. Din il-kummissjoni qablet li t-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1924) u ż-Żieda mat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1984) kellhom jibqgħu l-bażi tal-ortografija Maltija.
Wara bosta laqgħat il-kummissjoni ressqet il-proposti tagħha quddiem l-Akkademja u din iddeċiediet li l-proposti għandhom ikunu diskussi f’seminar li għalih kellhom jattendu l-membri tal-Akkademja u kittieba u għalliema tal-Malti. Fil-fatt, is-seminar sar nhar it-2 ta’ Novembru 1991 fid-dar tal-għaqda Din l-Art Ħelwa fil-Belt Valletta. Il-proposti li ħarġu minn dan is-seminar ġew diskussi mill-Akkademja tal-Malti. Id-deċiżjonijiet finali ġew ippubblikati fl-1992 f’rapport finali msejjaħ Aġġornament tat-Tagħrif fuq il-Kitba Maltija (1924). Dan l-aġġornament jikkonsisti fi tmien regoli tal-ortografija fosthom, il-kitba ta’ nomi u aġġettivi bil-‘għ’ bħala l-ewwel konsonanti tal-għerq tagħhom, il-prefiss ‘j’ quddiem verbi li jibdew bil-‘għ jew bil-‘h’ u l-kitba tal-konġunzjoni ‘u’.
2008: Deċiżjonijiet 1
.jpg) Fl-2005 twaqqaf il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti (KNM). Skont Kap. 470 tal-Liġijiet ta’ Malta, Att dwar l-Ilsien Malti, 2004, Taqsima II 5(2), issa huwa l-KNM li għandu jagħmel kull aġġornament li jkun meħtieġ fl-ortografija ta’ lsienna, u li minn żmien għal żmien, skont il-ħtieġa, għandu jistabbilixxi l-mod kif irid jinkiteb il-kliem ġdid fil-Malti u l-kitba korretta ta’ kliem u frażijiet li jidħlu fil-Malti minn ilsna oħra. Għaldaqstant, l-ewwel biċċa xogħol tal-KNM kienet li jidentifika l-akbar problemi jew sfidi kontemporanji tal-ortografija tal-Malti. Dawn huma l-varjanti ortografiċi, il-kitba tal-kliem Ingliż fil-Malti u l-varjanti fonetiċi. L-ewwel ma ffoka l-Kunsill kien fuq il-varjanti ortografiċi. Dawn huma dak il-kliem li minkejja li jkun ippronunzjat bl-istess mod, madankollu jkollu aktar minn mod wieħed kif jinkiteb. Xi drabi dawn il-forom alternattivi jistgħu jkunu ta’ tfixkil għal kull min jikteb bil-Malti minħabba li joħolqu nuqqas ta’ konsistenza fl-ortografija.
Il-KNM beda billi ġabar lista ta’ dawn il-varjanti u poġġiha fuq is-sit tal-Kunsill biex kulħadd ikun jista’ jaraha u jikteb il-kummenti tiegħu dwar dan il-kliem. Wara din il-fażi kien imiss il-fażi ta’ konsultazzjoni ma’ bosta persuni li jaħdmu f’xi qasam jew ieħor tal-Malti, fosthom, għalliema, kittieba, studjużi, tradutturi u pubblikaturi. Dawn intalbu jagħtu fehmithom fi ktiba. B’kollox il-Kunsill irċieva 33 ktiba li ġew ippubblikati fi ktieb apposta. Dawn il-ktibiet servew ta’ bażi għal seminar nazzjonali li sar fl-20 ta’ Jannar 2007. Wara din il-fażi ta’ konsultazzjoni wiesgħa l-Kunsill ħatar kumitat ta’ esperti biex jiflu l-varjanti u l-fehmiet kollha li kienu ngħataw fuqhom u biex fl-aħħar jaslu għad-deċiżjonijiet meħtieġa u tant mistennija. Dan il-kumitat kien kompost minn dawn il-membri: il-Prof. Albert Borg (il-Koordinatur tal-kumitat), George Farrugia MA (is-Segretarju tal-Kumitat), David Agius Muscat MA, Dr Charles Briffa, Prof. Joseph M. Brincat, Dr Ray Fabri, Prof. Manwel Mifsud, David Muscat BA, PGCE, flimkien ma’ tliet konsulenti, Carmel Azzopardi MA, Joe Caruana MSc u Mag.phil. Maria Ferstl.
Il-kumitat għamel 30 laqgħa ta’ madwar tliet sigħat il-waħda biex jiddiskuti dawn il-varjanti. Fid-diskussjonijiet tagħhom il-membri tal-kumitat dejjem żammew quddiem għajnejhom il-bosta prinċipji differenti li jsawru l-ortografija tal-Malti, ewlenin fosthom, il-prinċipju fonetiku, il-prinċipju fonoloġiku, il-prinċipju etimoloġiku u l-prinċipju morfoloġiku. Għaldaqstant l-għażla finali tal-verżjoni magħżula kienet raġunata u meqjusa biex kemm jista’ jkun ma tkunx arbitrarja. Il-Kumitat ippreżenta rapport dwar id-deċiżjonijiet tiegħu lill-KNM u dan approva dan ir-rapport b’mod unanimu fil-laqgħat tat-12 u s-16 ta’ Ġunju 2008. Dan ir-rapport ġie ppubblikat fi ktejjeb bl-isem ta’ Deċiżjonijiet 1. Dawn id-deċiżjonijiet saru uffiċjali bil-pubblikazzjoni tagħhom fil-Gazzetta tal-Gvern, ħarġa numru 18,286 fil-25 ta’ Lulju 2008. Ġie deċiż li jingħata perijodu ta’ tliet snin li matulu l-varjanti li se jitwarrbu jibqgħu ttollerati u jitqiesu korretti iżda wara dan il-perijodu jibdew jitqiesu tajbin il-forom magħżula biss.
George Farrugia (2009)
|